O BIN L-ISPIRTU!
L-ewwel parir tiegħi huwa dan: Ara li jkollok qalb safja, ħanina u mkebbsa, sabiex saltnatek tkun waħda qadima, ma tinqerdix u ma tintemmx.
O BIN L-ISPIRTU!
L-aktar ħaġa maħbuba f’għajnejjA huwa l-Ħaqq; tagħtihx dahrek jekk tixtieq lilI, u twarrbux ħalli Jien inkun nista’ nafda miegħek. Bl-għajnuna tiegħu inti tara b’għajnek u mhux b’għajnejn ħaddieħor, u tagħraf b’għarfienek u mhux b’għarfien għajrek. Aħseb fuq dan f’qalbek; kif jixraq li jkun. Fis-sewwa il-ħaqq huwa r-rigal tiegħI għalik u l-għelm ta’ mħabbtI ħanina. Qiegħdu immela quddiem għajnejk.
O BIN IL-BNIEDEM!
Mistur fil-bogħod ta’ l-eżistenza tiegħI u fil-qdumija dwiema ta’ l-essenza tiegħI, kont naf b’imħabbtI lejk; b’hekk Jiena ħlaqtek, naqqaxt xbihatI fuqek u urejtek il-ġmiel tiegħI.
O BIN IL-BNIEDEM!
Ħabbejtu ħolqienek, għalhekk ħlaqtek. Għalhekk, ħobbnI, ħa’ nsemmi ismek u nimla ruħek bl-ispirtu tal-ħajja.
O BIN L-ESSENZA!
Ħobbni ħalli Jien nkun nista’ nħobbok. Jekk ma tħobbnIx, l-imħabba tiegħI b’xejn ma tista’ tilħqek. Kun af dan, O qaddej.
O BIN L-ESSENZA
Il-Ġenna tiegħek hija l-imħabba tiegħI; darek smewwija, il-għaqda mill-ġdid miegħI. Idħol hemm ġew u titlajjax. Dan huwa dak li kien miktub għalik fis-saltna tagħNa fuq u f’wesgħatNa għolja.
O BIN IL-BNIEDEM!
Jekk inti tħobbnI, warrab minnek innifsek, u jekk tfittex l-għoġba tiegħI, tqisx dik tiegħek, ħalli inti tmut fija u Jien inkun nista’ ngħix għal dejjem ġo fik.
O BIN L-ISPIRTU!
M’hemmx sliem għalik għajr biċ-ċaħda tiegħek innifsek u billi ddur lejjA; ghax jaqbillek tifraħ f’ismi, mhux f’ismek, li tafda fijA, mhux fik innifsek, darba Jien nixtieq inkun maħbub waħdi u fuq dak kollu li hu.
O BIN L-ESSENZA!
Imħabbti il-fortizza tieghI; min jidħol fiha hu salv u fiż-żgur, u min iwarrab minnha jintilef u jmut.
O BIN IT-TAQWIL!
Int il-fortizza tiegħI; idħol ġo fiha biex tista’ tgħix fiz-zgur. ImħabbtI ġo fik, kun afu, sabiex tkun tista’ ssibNi qribek.
O BIN L-ESSENZA!
Inti il-lampa tieghI u dawli jinsab fik. Ħu dawlek minnha u tfittex xejn aktar għajrI. Għax Jien ħloqtok għani u xerridt bil-bosta l-ġid tiegħi fuqek.
O BIN L-ESSENZA!
B’idejn is-setgħa jien għamiltek u bis-swaba’ felħana sawwartek; u xħett ġo fik l-essenza tad-dawl tiegħI. Kun hieni biha u tfittex xejn aktar, għax għolI perfett u l-amar tiegħI jorbot. Issaqsix dwaru, la tiddubita minnu.
O BIN L-ISPIRTU!
Jien ħlaqtek għani, għaliex iġġib il-faqar fuqek? Għamiltek nobbli, il-għala tbaxxi lilek innifsek? Sawwartek mill-essenza tal-għerf, għax tfittex li tiksbu minn ħaddieħor barra minnI. Mit-tafal ta’ l-imħabba tajtek surtek, għaliex titgħabba b’oħra? Ħares lejk innifsek u tkun tista’ ssibnI wieqaf fik, qawwi, setgħani u ħaj.
O BIN IL-BNIEDEM!
Int il-art tiegħI u artI ma tinqeridx, immela għax tibza’ li tintemm. Int id-dawl tiegħI u d-dawl tiegħI ma jintefa qatt, għax tibza’ li tinqered? Int il-glorja tiegħI u l-glorja tiegħI ma tintefiex; int il-libsa tiegħI u l-libsa tiegħI tnixxed dejjem. Mela f’imħabbtek għix għalijA, sabiex tkun tista’ issibnI fis-saltna tal-glorja.
O BIN IT-TAQWIL!
Dawwar wiċċek fuq tiegħI u iċħad kollox barra lilI; għax dwiema s-saltna tiegħI u artI ma tintemmx. Jekk tfittex lil ħaddieħor flokI, jekk tfittex l-univers għal-dejjem, it-tiftix tiegħek ikun għalxejn.
O BIN ID-DAWL!
Insa kollox barra lilI u ngħaqad ma’ l-ispirtu tiegħI. Din hi l-essenza tal-amar tiegħI, għalhekk dur lejha.
O BIN IL-BNIEDEM!
Kun kuntent bijA u tfittixx l-għajnuna ta’ ħaddieħor. Għax ħadd ħliefI ma jista’ jkun bizzejjed għalik.
O BIN L-ISPIRTU!
La titlobnix dak li Aħna ma nixtiequx għalik, imbagħad kun kuntent b’dak li Aħna fassalna għalik, għax dan ikun li jaqbel lilek, jekk tikkuntenta bih.
O BIN ID-DEHRA TAL-GĦAĠEB!
Jien niffist fik nifs mill-ispirtu tiegħI, sabiex tkun maħbub tiegħI. Għaliex insejtni u fittixt maħbub ieħor flokI?
O BIN L-ISPIRTU!
Kbir id-dritt tiegħI fuqek, ma jistax jintnesa. Il-ħniena tieghI miegħek kotrana, ma tistax tinsatar. ImħabbtI għamlet fik id-dar tagħna, ma tistax tinħeba. DawlI muri fik, ma jistax jiddallam.
O BIN IL-BNIEDEM!
Fuq is-siġra tal-glorja tgħammex dendiltlek l-aħjar frott, immela għax warrabt u kkuntentajt b’dak li hu inqas tajjeb? Immela erġa’ lura lejn dak li hu aħjar għalik fil-għoli tas-saltna.
O BIN L-ISPIRTU!
Jien ħlaqtek nobbli, b’dankollu baxxejt innifsek. Qum mela għal dak li għalih int ġejt maħluq.
O BIN L-OGĦLA!
Għal dak li hu dejjiem Jien insejjaħlek, b’dankollu inti tfittex dak li jintemm. X’ġagħlek twarrab mix-xewqa tagħnA u tfittex dik tieghek?
O BIN IL-BNIEDEM!
Taqbiżx il-limiti tiegħek, la titlob dak li ma jidhirlekx. Tbaxxa quddiem wiċċ Alla tiegħek, is-Sid tal-qawwa u s-setgħa.
O BIN L-ISPIRTU!
Togħliex fuq il-fqir, għax Jien immexih fi triqtu u nara l-ħazin għanek u nħawdek għal dejjem.
O BIN L-ESSENZA!
Kif tista’ tinsa nuqqasijietek u tehda bin-nuqqasijiet ta’ l-oħrajn? Min jagħmel dan hu misħut minnI.
O BIN IL-BNIEDEM!
Tniffisx dnubiet l-oħrajn sakemm int ukoll midneb. Jekk tmur kontra dan l-amar, inti tkun misħut, u għal dan inkun xhud Jiena.
O BIN L-ISPIRTU!
Kun af dwar sew: min lill-bnedmin iwissi t-tajjeb u hu innifsu iwettaq il-ħazin m’huwiex minn tiegħI, għalkemm iġorr ismI.
O BIN L-ESSENZA!
Tagħti lil ħadd dak li ma tkunx tajt lilek, u tgħidx dak li ma tagħmilx. Dan huwa l-amar tiegħI lilek, ħarsu.
O BIN IL-BNIEDEM!
Tiċħadx lill-qaddej tiegħI jekk jitolbok xi ħaġa, għax wiċċu hu wiċċI, immela baxxi wiċċek quddiemI.
O BIN L-ESSENZA!
Agħmel kontijietek kuljum qabel tissejjaħ għall-kontijiet; għax il-mewt, bla ħabar, tiġi fuqek u int tissejjaħ biex tagħti kont ta’ l-egħmejjel tiegħek.
O BIN L-OGĦLA!
Jien għamilt il-mewt ħabar ta’ ferħ għalik. Għaliex titnikket? Jien għamilt id-dawl biex jifred dawlu fuqek. Għaliex tinsatar minnu?
O BIN L-ISPIRTU!
Bl-aħbarijiet henjin tad-dawl Jien nilqgħek: ifraħ! Fil-qorti tal-qdusija Jien insejjaħlek; għammar sabiex tkun tista’ tgħix fis-sliem għal dejjem.
O BIN L-ISPIRTU!
L-ispirtu tal-qdusija iwassallek ħbarijiet henjin ta’ laqgħa mill-ġdid; immela għax titnikket? L-ispirtu tal-qawwa isaħħek fil-kawza tiegħU; għaliex tinsatar? Id-dawl ta’ wiċċU imexxik; kif tista’ titlef triqtek?
O BIN IL-BNIEDEM!
La titnikkitx għajr jekk tkun ‘il bogħod minNa. Tifraħx jekk ma tkunx toqrob biex terġa’ lura għandNa.
O BIN IL-BNIEDEM!
Ifraħ fil-hena ta’ qalbek, sabiex tkun xieraq li tiltaqa’ miegħI u tirrifletti ġmielI.
O BIN IL-BNIEDEM!
Tinżax il-libsa sbejħa tiegħI, u ċċedix sehmek min-nixxiegħa msaħħra tiegħI, biex ma jbikx il-għatx għal dejjem.
O BIN L-ESSENZA!
Imxi fuq liġijietI għal immħabti u ċaħħad lilek innifsek minn dak li tixtieq jekk tfittex l-għoġba tiegħI.
O BIN IL-BNIEDEM!
Tittraskurax il-kmandamenti tiegħI jekk int tħobb ġmielI, u la tinsiex il-pariri tiegħI jekk trid tikseb il-għoġba tajba tiegħI.
BIN IL-BNIEDEM!
Li kellek tħeff mill-beraħ ta’ l-arja u taqsam il-firxa tas-sema, ma ssibx serħan għajr filli tobdi l-amar tagħNa u fl-umilta’ quddiem wiċċNa.
O BIN IL-BNIEDEM!
Kabbar il-kawża tiegħI biex Jien inkun nista’ nikxiflek il-misteri tal-kobor tiegħI u niddi fuqek bid-dawl ta’ l-eternita’.
O BIN IL-BNIEDEM!
Umilja lilek innifsek quddiemI, sabiex bil-ħlewwa inzurek. Qum għar-rebħa tal-kawża tiegħI, biex waqt li għadek fuq l-art tista’ tikseb ir-rebħa.
O BIN L-ESSENZA!
SemminI fuq l-art tiegħI, sabiex fis-sema tiegħI Jien inkun nista’ niftakrek, hekk kemm għajnejjA kemm għajnejk jissabru.
O BIN IT-TRON!
Smiegħek hu smigħI, isma’ bih. Ħarstek hi ħarstI, ara biha, biex fil-ġewwien ta’ ruħek tkun tista’ tixhed qdusitI għolja, u fija nnifsI nkun nista’ nxiehed qagħda għolja ghalik.
O BIN L-ESSENZA!
Fittiex il-mewt ta’ martri fit-triq tiegħI, hieni bil-għoġba tiegħI u mimli ħajr għal dak li Jiena namar, sabiex tkun tista’ tistrieħ miegħI taħt il-baldakkin tal-maesta’ wara t-tabernaklu tal-glorja.
O BIN IL-BNIEDEM!
Maħħaħ u irrifletti. Hi xewqtek li tmut f’soddtok, jew li xxerred demmek fuq it-trab, martri fit-triq tiegħI, u ssir b’hekk wirja ta’ l-amar tiegħI u l-kixxief ta’ dawlI fl-ogħla ġenna. Ħammem tajjeb, O qaddej!
O BIN IL-BNIEDEM!
F’ġieh ġmielI! Ittabba’ xagħ’rek b’demmek f’għajnejjA ħaġa akbar mill-ħolqien ta’ l-univers u d-dawl taż-żewġ dinjiet. Ħabrek immela biex tikseb dan, O qaddej.
O BIN IL-BNIEDEM!
Hemm sinjal għal kollox. Sinjal l-imħabba huwa l-qawwa taħt l-amar tiegħI u s-sabar taħt it-tiġrib tiegħI.
O BIN IL-BNIEDEM!
Min tabilħaqq iħobb, jixxennaq għat-tbatija daqskemm min jirvella għall-maħfra u l-midneb ghall-ħniena.
O BIN IL-BNIEDEM!
Jekk int ma ssibx il-għawġ fi triqtI, kif tista’ timxi bħal dawk ferħana bl-għoġba tiegħI? Jekk it-tiġrib ma jkiddekx fix-xewqa tiegħek biex tiltaqa’ miegħI, kif tista’ tikseb id-dawl f’imħabbtek għal ġmielI.
O BIN IL-BNIEDEM!
L-għawġ tiegħI huwa l-providenza tiegħI, minn barra nar u tpattija, iżda minn ġewwa dawl u ħniena. Ħaffef hemmek sabiex tkun tista’ ssir dawl dejjiem u ruħ immortali. Dan hu l-amar tiegħI għalik, ara li tħarsu.
O BIN L-ESSENZA!
Jekk ir-riżq jitbissimlek, tifraħx, u jekk is-saram iżurek, titnikkitx, għax jgħaddu t-tnejn u ma jkunux aktar.
O BIN L-ESSENZA!
Jekk taqa’ fil-faqar, titnikkitx; għax biż-żmien is-Sid tal-għana jiġi jżurek. Tibżax mill-qagħda baxxa, għax għad jum wieħed il-glorja sserraħ fuqek.
O BIN L-ESSENZA!
Jekk qalbek mitfugħa fuq din l-art dejjiema, ma tinqered, u din id-dwiema, qadima ħajja, insa dis-saltna ħfejfa u mortali.
O BIN L-ESSENZA!
La titħabatx b’di’dinja, għax bin-nar insaffU d-deheb, u bid-deheb ngħarblU lill-qaddejja tagħNa.
O BIN IL-BNIEDEM!
Inti tixtieq id-deheb u Jien irridek ħieles minnu. Int taħsbek għani bih, u Jien ingħaraf il-għana tiegħek fil-firda tiegħek minnu. Fuq ħajtI! Dan huwa għerfI, u dak hu stħajjilek; kif tista’ fehmtI taqbel ma’ dik tiegħek?
O BIN IL-BNIEDEM!
Qassam il-għana tiegħI, sabiex fis-sema tkun tista’ tikseb mill-imħażen ta’ dawl ma jintefiex u teżori ta’ glorja li ma tintemmx. Iżda fuq ħajtI! Li toffri ruħek hi glorja akbar kieku b’għajnejjA int stajt tara.
O BIN IL-BNIEDEM
It-tempju tal-Ħajja huwa t-tron tiegħI, naddfu minn kollox, biex niġI fih u hemm ingħammar.
O BIN L-ESSENZA!
Qalbek hija darI; qaddisha għall-inżul tiegħI. Ruħek hija l-imkien tiegħI għar-rivelazzjoni; naddafha għad-dehra tiegħI.
O BIN IL-BNIEDEM!
Qiegħed idek ġo ħobbI, sabiex Jien inkun nista’ nogħla fuqek, imdawwal u middi.
O BIN IL-BNIEDEM!
Itla’ fis-sema tiegħI, biex tista tikseb l-hena tal-għaqda ġdida, mill-kalċi tal-glorja li ma tintemmx ixrob l-inbid li bħalu m’hemmx.
O BIN IL-BNIEDEM!
Kemm il jum għadda minn fuqek waqt li int kont medhi bl-istħajjil tiegħek. Kemm ser iddum rieqed fuq soddtok? Erfa’ rasek min-ngħas, għax ix-Xemx għoliet fuq il-quċċata, jalla hienja tiddi fuqek bid-dawl tas-sbuħija.
O BIN IL-BNIEDEM!
Id-dawl idda fuqek mix-xefaq tal-Għolja mqaddsa u l-ispirtu tad-tidwil niffes tas-Sinaj ta’ qalbek. Immela, eħles lilek innifsek mill-istarijiet ta’ l-istħajjil u idħol fil-qorti tiegħI, sabiex tkun xieraq għall-ħajja ta’ dejjem u xieraq biex tiltaqa’ miegħI. Hekk jalla l-mewt ma tiġix fuqek, la għawġ u lanqas għajja.
O BIN IL-BNIEDEM
Id-dwiemi tiegħI huwa l-ħolqien tiegħI, ħlaqtu għalik. Agħmlu l-ilbies tat-tempju tiegħek. L-għaqda tiegħI hija xogħol idejjA; ħassiltha għalik; itlibbes biha, biex tkun għal dejjem kixfa ta’ l-essenza dejjiema tiegħI.
O BIN IL-BNIEDEM
Il-maesta’ tiegħI hija r-rigal tiegħI għalik, u l-kobor tiegħI għelm tal-ħniena tiegħI lejk. Dak li jidhirlI ħadd li ħadd ma jifhmu, lanqas itarrfu. Fis-sewwa, Jien erfajtu fil-għorfiet moħbija tiegħI u fit-teżoreriji tal-amar tiegħI bħala sinjal ta’ mħabbti ħanina lejn il-qaddejja tiegħI u tal-ħniena tiegħI lejn il-poplu tiegħI.
O ULIED L-ESSENZA DIVINA U LI MA TIDHIRX!
Intom ma tiħallewx tħobbunI u rwieħ jitħawdu hekk kif isemmunI. Għax l-imħuħ ma jistgħux jaħkmunI jew il-qlub jesgħunI.
O BIN IL-ĠMIEL!
F’ġieh l-ispirtu tiegħI u l-għoġba tieghI! F’ġieh il-ħniena tiegħI u l-ġmiel tiegħI! Dak kollu li jien urejtek b’ilsien is-setgħa, u ktibt għalik bil-pinna tal-qawwa, kien jaqbel mal-ħila u l-fehma tiegħek, mhux mal-għada tiegħI u l-għanja tal-leħen tiegħI.
O ULIED IL-BNIEDEM!
Ma tafux għala ħlaqNikom ilkoll mill-istess trab? Biex ħadd minnkom ma jogħla wieħed fuq l-ieħor. Aħsbu l-ħin kollu f’qalbkom kif intom inħlaqtu. Ladarba Aħna ħlaqnikom kollha mill-istess sustanza, jaħtieġ li tkunu bħal ruħ waħda, timxu bl-istess saqajn, tieklu bl-istess ħalq u tgħixu fl-istess art, biex mill-ġewwieni tagħkom, minn għemilkom u mġibitkom, l-egħliem ta’ għada waħda u l-essenza tal-għażla minn xulxin ikunu jidhru. Dan hu l-parir tiegħI għalikom, O xmara ta’ dawl! Ħarsu dan il-parir biex tkunu tistgħu taqtgħu l-frott tal-qdusija mis-siġra tal-glorja tal-għaġeb.
O INTOM ULIED L-ISPIRTU!
Intom it-teżor tiegħI, għax fikom għożżejt il-perli tal-misteri tiegħI u l-ġawhar tal-għerf tiegħI. Ħarsuhom mill-barranin fost il qaddejja tiegħI u mill-ħajna fost il-poplu tiegħI.
O BIN DAK LI KIEN HU NNIFSU FIS-SALTNA TIEGĦU NNIFSU!
Kun af, li Jiena tajjart lejk il-fwieħa kollha tal-qdusija, urejtek għal kollox il-kelma tiegħI, saħħaħt minn fik il-ġid tiegħI u xtaqt għalik dak li xtaqt għalijA. Immela kun kuntent bil-għoġba tiegħI u kun grat lejjA.
O BIN IL-BNIEDEM!
Ikteb dak kollu li Aħna urejnik bil-linka tad-dawl fuq it-tavla ta’ l-ispirtu tiegħek. Jekk dan m’għandekx is-saħħa tagħmlu, immela l-linka tiegħek agħmel minn essenza ta’ qalbek. Jekk dan ma tistax tagħmlu, immela ikteb b’dik il-linka ħamra li xterdet fit-triq tiegħI. Tabilħaqq oħla hu dan għalija minn kull ħaġ’ oħra, li d-dawl tiegħu jiddi għala dejjem.
O INTOM NIES LI GĦANDKOM IMĦUĦ BIEX TAGĦRFU U WIDNEJN BIEX TISIMGĦU!
L-ewwel sejħa tal-Maħbub hi din: O użinjol mistiku! Tgħammarx għajr fil-ġnien imwarrad ta’ l-ispirtu. O messaġġier tas-Salamun ta’ l-imħabba! Itfittex l-ebda kenn għajr fix-Sheba tal-maħbub għall-aħħar, u O fenica immortali! Tgħammarx għajr fuq il-għolja tal-fedelta’. Hemmhekk hu dejrek, jekk fuq ġwienaħ ruħek int togħla għas-saltna ta’ bla tmiem u tfittex li tikseb l-għan tiegħek.
O BIN L-ISPIRTU!
L-għasfur ifittex il-bejta tiegħu; l-użinjol is-seħer tal-warda; waqt li dawk l-għasafar, qlub il-bnedmin, jikkuntentaw bit-trab li jtir, tbiegħdu ‘il bogħod mill-bejta dwiema tagħhom, u b’għajnejn imdawrin lejn it-tajn ta’ l-aljenazzjoni imċaħħda mill-glorja tal-preżenza divina. Jaħasra! X’ħaġa stramba u li ġġib ħniena: għal daqxejn ta’ bieqja, huma daru mill-ibħra mmewġa ta’ l-Aktar Għoli, u baqghu ‘l bogħod mix-xefaq l-aktar imdawwal.
O ĦABIB!
Fil-ġnien ta’ qalbek tħawwel xejn għajr il-warda ta’ l-imħabba, u mill-użinjol tal-ġibda u x-xewqa terħix il-qabda tiegħek. Għożż is-sħubija tat-tajjeb u warrab kull tħabbib mal-ħżunija.
O BIN IL-ĦAQQ!
Fejn jista’ l-maħbub imur għajr f’art il-maħbuba tiegħu? U liem fittiex isib is-serħan ‘il bogħod minn xewqet qalbu? Għall-maħbub tabilħaqq il-għaqda mill-ġdid hi l-ħajja, u l-firda hi l-mewt. Sidru fieragħ mis-sabar u qalbu m’għandhiex paċi. Ħajjiet bla għadd hu lest li jinsa ħa’ jħaffef lejn dejr il-maħbuba tiegħu.
O BIN IT-TRAB
Fis-sewwa Jiena ngħidlek: Mill-bnedmin kollha dak l-aktar traskurat hu dak li jogħla fuq ħuh. Għid, O ħuti! Ħallu l-egħmejjel, mhux il-kliem, ikunu t-tiżjin tagħkom.
O BIN L-ART!
Kun af, fis-sewwa, il-qalb li fiha jitlajja l-iċken fdal ta’ għira, ma tikseb qatt l-art dwiema tiegħI, la tiġbed f’imnifsejha it-togħmiet ħlejja tal-qdusija.
O BIN L-IMĦABBA!
Int qiegħed biss pass wieħed bogħod mill-għoljiet glorjużi hemm fuq, u mis-siġra smewwija ta’ l-imħabba. Ħu int pass wieħed u bl-ieħor imxi lejn is-saltna dejjiema u idħol fil-kamp ta’ l-eternita’. Agħti widen mela lil dak li kien intwera il-pinna tal-glorja.
O BIN IL-GLORJA!
Kun ħafif fit-triq tal-qdusija, u idħol fis-sema tal-għaqda miegħI. Naddaf qalbek bit-tleqqija ta’ l-ispirtu, u ħaffef lejn il-qorti ta’ l-Aktar Għoli.
O DELL ĦFEJFI!
Għaddi lil hinn mill-waqtiet aktar baxxi tad-dubju u ogħla lejn il-għoljiet taċ-ċertezza. Iftaħ għajn il-verita’, ħalli tkun tista’ tara il-Ġmiel mhux mostur u tgħajjat: Ikun imfaħħar is-Sid, l-aktar eċċellenti mill-ħallieqa kollha!
O BIN IX-XEWQA!
Agħti widen għal dan: Qatt għajn mortali ma tagħraf il-Ġmiel dejjiemi, la l-qalb bla ħajja f’xejn għajr fil-blanzun mitbiel. Għax xebh ifittex xebh, u jifraħ bis-sħubija ta’ dawk bħalu.
O BIN IT-TRAB!
Agħmi għajnejk, biex int tkun tista’ tara ġmielI; itboq widnejk, biex int tkun tista’ tisma’ il-melodija ħelwa tal-leħen tiegħI; itfieragħ minn kull tagħlim, sabiex tkun tista’ tieħu sehem mill-għerf tiegħI; u qaddes lilek innifsek mill-għana biex tikseb dehen dwiemi mill-oċejan tal-ġid dejjiemi tiegħI. Agħmi għajnejk, jiġifiieri, għal kollox għajr għal ġmielI; itboq widnejk għal kollox barra kelmtI; itfieragħ minn kull tagħlim barra l-għarfien tiegħI; biex b’għajn miftuħa, qalb safja u widna ħiedja tkun tista’ tidħol fil-qorti ta’ qdusitI.
O BNIEDEM B’ŻEWĠ DEHRIET!
Agħlaq għajn u iftaħ oħra. Agħlaq waħda għad-dinja u dak kollu li hemm fiha, u iftaħ l-oħra għall-ġmiel imqaddes tal-Maħbub.
O ULIEDI!
Nibża’ li, mingħajr il-għanja tal-ħamiema tas-sema, intom terġgħu tegħerqu fid-dellijiet tat-telfien sħiħ, u, bla ma qatt rajtu ġmiel il-warda, terġgħu lura lejn l-ilma u t-tafal.
O ĦBIEB!
Tabbandunawx il-ġmiel dwiemi għal ġmiel li jaħtieġ imut, u torbtux qalbkom ma’ din id-dinja ta’ trab li tintemm.
O BIN L-ISPIRTU!
Iż-żmien wasal, meta l-użunjol tal-qdusija ma jberraħx aktar il-misteri ġewwiena u intom ilkoll tibqgħu mingħajr il-għanja smewwija u l-leħen mill-għoli.
O ESSENZA TAT-TRASKURAĠNI!
Għadd bla tarf ta’ ilsna mistiċi ilissnu f’leħen wieħed, u għadd bla tarf ta’ misteri moħbija jintwerew f’għanja waħda; b’dankollu, jaħasra, m’hemmx widna biex tisma’, la qalb biex tifhem.
O SĦAB!
Il-bwieb li jagħtu għall-Bla Mkien miftuħa beraħ u dejr il-maħbub hu mżejjen b’demm il-maħbub, b’dankollu kulħadd għajr xi ftit jibqgħu mċaħħda minn din il-belt smewwija, u ukoll minn dawn il-ftit, ħadd għajr il-ftit jingħaddu ma nstabu b’qalb safja u ruħ imqaddsa.
O INTOM LI TGĦIXU FL-OGĦLA ĠENNA!
Ħabbru lil ulied is-serħan il-moħħ, li fis-saltniet tal-qdusija, sa fil-ġenna smewwija, tfaċċa ġnien ġdid, li dwaru jduru l-barranin tas-saltna għolja. Ħabirku, mela, ħa’ tkunu tistgħu tilqgħu dak l-imkien, ħa’ tkunu tistgħu tħollu il-misteri ta’ l-imħabba mill-fjuri tar-riħ tagħNa u titgħallmu s-sigriet tal-għerf divin u sħiħ mil-frott dejjiemi tiegħu. Imferrħa l-għajnejn ta’ dawk li jidħlu hemm u jgħammru!
O ĦBIEB TIEGĦI!
Insejtuha dik l-għodwa tabilħaqq u mdawla, meta f’dawk l-inħawi mqaddsa u imbierka kontu ilkoll miġbura fil-preżenza tiegħI taħt id-dell tas-siġra tal-ħajja, li hi mħawla fil-ġenna il-glorjuża. Dak li Jien nistmer intom ħabbejtu, u mill-għadu tiegħu qagħadtu tisimgħu issummati xħin Jien lissint dawn it-tliet kelmiet l-aktar qaddisa: O ħbieb! Tagħżlux ir-rieda tagħkom flok dik tieghI, tixtiequ qatt dak li Jien ma xtaqtx ghalikom, u tiġux għandI bi qlub bla ħajja, imħassra b’xewqat u xenqat dinjija. Li kieku tqaddsu rwieħkom, kontu tiftakru sewwasew f’dis-siegħa dak l-imkien u dawk l-inħawi, u s-sewwa ta’ taqwilI ikun ċar lilkom ilkoll.
Fit-tmienja mill-aktar vrus qaddisa, fil-Ħames Tavla tal-Ġenna, Huwa qal:
O INTOM MITLUQA BĦAL MEJTIN FUQ MAQĦAD IL-MOĦĦ IMTAJJAR!
Għaddew iż-żminijiet u ħajjietkom prezzjużi tista’ tgħid intemmu, b’dankollu lanqas nifs wieħed safi ma laħaq il-qorti mqaddsa tagħNa mingħandkom. Għad li mgħaddsin fl-oċejan tan-nuqqas ta’ twemmin, b’dankollu, b’xofftejkom tistqarru il-waħdana u vera fidi f’Alla. Lil dak li Jien nistmerr intom ħabbejtu, u mill-għadu tiegħI għamiltu ħabib. Madankollu, intom timxu fuq artI imserrħa u sodisfatti bikom infuskom, bla tagħtu kas li artI hi mxabba’ minnkom, u kollox fiha minnkom. Li kellkom tiftħu għajnejkom, kontu, fis-sewwa, tagħżlu għadd bla qies ta’ niket flok dan il-ferħ, u tqisu l-mewt infisha aħjar mill-ħajja.
O SURA TITĦARREK TA’ TRAB!
Jien nixtieq ningħaqad miegħek, iżda inti ma tridx tafda fija. Ix-xabla ta’ rvellek waqqghet is-siġra tat-tama tiegħek. Il-ħin kollu Jien ninsab qrib tiegħek, iżda inti dejjem ‘il bogħod minnI. Jien għażilt għalik glorja ma tintemmx, b’dankollu int għażilt għalik mistħija mingħajr qies. Sakemm għad hemm iż-żmien, erġa’ lura, u la titlifx iċ-ċans tiegħek.
O BIN IX-XEWQA!
L-imgħallma u l-għorriefa ghal snin twal tħabtu u fallew biex jiksbu l-preżenza tal-Kollu-Glorjuż; għaddew ħajjithom iffitxuH, b‘dankollu ma rawx il-ġmiel ta’ wiċċU. Int mingħajr l-iċken sforz ilħaqt il-għan tiegħek, u bla tiftix ksibt il-għan ta’ tiftixek. B’dankollu int bqajt imkebbeb hekk fl-istar tiegħek innifsek, li għajnejk ma rawx il-ġmiel tal-Maħbub, la idek ma messet il-keffa ta’ libsitU. Intom li għandkom għajnejn, ħarsu u stagħġbu.
O GĦAMMARA FIL-BELT TA’ L-IMĦABBA!
Rwiefen mortali ħabtu għax-xemgħa eterna, u l-ġmiel taż-żgħożija smewwija mistura fid-dalma tat-trab. L-ewlien mis-slaten ta’ l-imħabba imriegħex min-nies it-tirannija, u l-ħamiema tal-qdusija maqbuda fid-dwiefer tal-kokki. L-għammara fil-kamp tal-glorja u l-imkien smewwi jixhru u jokorbu, waqt li intom tistrieħu fis-saltna tat-traskuraġni, u tistmaw rwieħkom bħal ħbieb sinċieri. Kemm hu fieragħ l-istħajjil tagħkom!
O INTOM BOLOH, IŻDA GĦANDKOM ISEM LI INTOM GĦORRIEF!
Il-għala tilbsu xedd ir-rgħajja, meta minn ġewwa intom sirtu lpup, moħħkom fil-merħla tiegħI? Intom bħal kewkba, li titla’ qabel is-sebħ, u li, għad li tidher middija u mdawla, tmexxi lill-baħħara tal-belt tiegħI barra mit-triq għal toroq it-telfien.
O INTOM LI TIDHRU SBIEĦ IŻDA LI MINN ĠEWWA IMĦASSRA!
Intom bħal ilma ċar iżda morr, li minbarra jidher safi kristall, iżda li minnu, meta mtiegħem mis-Saġġatur-divin, l-ebda qatra ma tinxtorob. Iva, ir-raġġ tax-xemx jaqa’ l-istess fuq trab u mera, b’dankollu r-rifless minnhom hu differenti daqs il-kewkba mill-art: le, ma għandhiex qies id-differenza!
O ĦABIBI FIL-KELMA!
Aħseb għal ftit. Int qatt smajt li ħabib u għadu għandhom igħammru f’qalb waħda? Keċċi immela ‘l barra lill-istranġier, biex il-ħabib jista’ jidħol fid-dar tiegħU.
O BIN IT-TRAB!
Dak kollu li jinsab fis-sema u fl-art fassaltu għalik, ħlief il-qalb umana, li għamiltu dejr għall-ġmiel u l-glorja tiegħI; b’dankollu inti tajt darI u għammarI lil ħaddieħor għajrI, u kulmeta d-dehra ta’ qdusitI fitxet dejrU, hemmhekk Hu sab barrani u, bla dar, ħaffef għal ġos-santwarju tal-Maħbub. B’dankollu Jien ħbejt is-sigriet tiegħek u ma nixtieqx il-għajb tiegħek.
O ESSENZA TAX-XEWQA!
Ma’ kemm-il sebħ Jien warrabt mis-saltniet tal-Bla Mkien għal ġewwa dejrek, u sibtek fuq is-sodda mrattba mehdi b’oħrajn għajr bijA. Għal dan, bħal-leħħa ta’ l-ispirtu, Jien erġajt lura lejn is-saltniet tal-glorja smewwija u dwaru ma tniffistx f’imkienI fuq lill-armati tal-qdusija.
O BIN IL-ĠID!
Mix-xagħriet tax-xejn, bit-tafal tal-amar tiegħI ġagħaltek tidher, u għamilt għal taħriġek kull atomu fil-ħolqien u l-essenza ta’ kull ħaġa maħluqa. Għalhekk, qabel m’int ħriġt minn ġuf ommok, Jien ktibt għalik żewġt egħjun ta’ ħabib leqqieni, għajnejn biex igħassu fuqek, u qlub biex iħobbuk. Mill-ħniena maħbuba tiegħI fid-dell tal-ħniena tiegħI Jien rabbejtek, u ħaristek bl-essenza tal-grazzja u l-għoġba tiegħI. U l-għan tiegħI f’dan kollu kien li int tkun tista’ tikseb artI dejjiema u ssir denn għall-għotjiet tiegħI li ma jidhrux. U int bqajt aljenat, u meta kbirt għal kollox, int ittraskurajt il-ġid kollu tiegħI, tħabbat bl-istħajjil fieragħ tiegħek, b’mod li int insejt għal kollox, u, tagħti dahrek lill-bwieb il-Ħabib, mort tgħammar fil-qrati tal-għadu tiegħI.
O ILSIR MARBUT MAD-DINJA!
Kemm-il sebħ fewġet fuqek tjubit il-ħniena tiegħI, u lilek sabet rieqet fuq soddet l-aljenazzjoni. Tibki mbagħad il-qagħda mwiergħa tiegħek reġgħet lura mnejn ġiet.
O BIN L-ART!
Jekk int tridNi, tfittex lil ħadd għajrI, u jekk trid tħares fuq ġmielI, agħlaq għajnejk għad-dinja u kull ma fiha; għax ir-rieda tiegħI u r-rieda ta’ xi ħadd għajri, bħan-nar u l-ilma, ma jistgħux jgħammru flimkien f’qalb waħda.
O STRANĠIER IMĦABBEB!
Ix-xemgħa ta’ qalbek hi mixgħula minn id is-setgħa tiegħI, la titdihiex bl-irjieħ kuntrarji tiegħek u ta’ ġibdietek. Il-fejjieqa ta, kull mard tiegħek hija l-fakra fijA, la tinsihiex. Agħmel imħabbtI it-teżor tiegħek u għożżha daqs li kienet dawl ħarstek u ħajtek.
O ĦIJA!
Agħti widen għall-kliem ħelu ta’ ilsienI għasli, u ixrob min-nixxiegħa ta’ qdusija mistika minn xofftejjA jqattru z-zokkor. Iżra’ iż-żerrigħat tal-għerf divin tiegħi fil-ħamrija safja ta’ qalbek, u saqqihom bl-ilma taċ-ċertezza, biex il-ġaċinti ta’ għarfienI u għerfI jistgħu jinbtu friski u ħodor fil-belt qaddisa ta’ qalbek.
O GĦAMMARA FIL-ĠENNA TIEGĦI!
B’idejn imħabba-ħanina Jien ħawwilt fil-ġnien imqaddsa tal-ġenna iż-żargun tari ta’ mħabbtek u tal-ħbiberija tiegħek, u saqqejtu bil-bexx għani ta’ tjubitI ħanina; issa li s-siegħa li jagħti l-frott waslet, ara li jkun imħares, u ma jittikilx mill-fjamma tax-xewqa u tal-passjoni.
O ĦBIEB TIEGĦI!
Itfu intom mil-lampa tal-għelt, u kebbsu ġo qalbkom it-torċa dejjiema tat-tmexxija divina. Għax mhux fil-bogħod l-imħallfin tal-bnedmin, fil-preżenza mqaddsa ta’ l-Imqejjem, ma jilqgħux għajr il-virtu’ l-aktar safja u egħmejjel ta’ qdusija bla tebgħa.
O BIN IT-TRAB!
L-għorrief huma dawk li ma jitkellmux jekk ma jsibux min jismagħhom, bħalma l-kamrier, li ma joffrix it-tazza sakemm ma jħares fuq ġmiel il-maħbuba tiegħu. Għalhekk iżirgħu ż-żerriegħa tal-għerf u tal-għarfien fil-ħamrija safja tal-qalb, u żommuhom moħbija, sakem mil-ġaċinti tal-għerf divin ixettlu mill-qalb u mhux mit-tajn u t-tafal.
Fl-ewwel vers tat-Tavla hemm imniżżel u miktub, u fis-santwarju tat-tabernaklu t’Alla jinsab moħbi.
O QADDEJ TIEGĦI!
Twarrabx għal dak li jintemm, art mingħajr tmiem, u tarmix il-ħakma smewwiija għall-ġibdiet dinjija. Din hija x-xmara tal-ħajja dejjiema u xarxret min-nixxiegħa ta’ pinnet il-ħanina, ikun tajjeb li tixrob magħhom.
O BIN L-ISPIRTU!
Ifqa’ beraħ il-gaġġa tiegħek, u bħal feniċija ta’ l-imħabba ittajjar fil-firmament tal-qdusija. Iċħad lilek innifsek u, mimli bl-ispirtu tal-ħniena, għammar fis-saltna tal-qdusija smewwija.
O WILD IT-TRAB!
Tikkuntentax bit-telqa ta’ jum li jgħaddi, u tiċċaħħadx mis-serħan dejjiem. La tbiegħx il-ġnien ta’ dawl etern għal munzell trab ta’ dinja mortali. Mill-ħabs tiegħek ogħla fix-xagħriet glorjużi fuq, u mill-gaġġa mortali ġewnah titjirek fil-ġenna ta’ bla-imkien.
O QADDEJ TIEGĦI!
Eħles lilek innifsek mil-ixkiel ta’ din id-dinja, u erħi ruħek mill-ħabs tan-nifs. Aħtaf iċ-ċans tiegħek, għax ma terġax issibu.
O QADDEJ TIEGĦI!
Li kieku rajt is-saltna immortali, kont tfittex tħalli din id-dinja ħfejfa. Iżda li taħbi waħda minnek u turik l-oħra hu misteru li ħadd għajr dawk ta’ qalb safja ma jistgħu jifhmu.
O QADDEJ TIEGĦI!
Saffi qalbek mill-ħjiena u, safi mill-għira, idħol fil-qorti divina tal-qdusija.
O ĦBIEB TIEGĦI!
Imxu fil-mogħdijiet tal-għoġba tal-Ħabib, u kunu afu li l-għoġba tiegħU tinsab fil-għoġba tal-ħlejjaq tiegħU. Jiġifieri: Ħadd ma għandu jidħol fid-dar ta’ ħabibu għajr bil-għoġba ta’ ħabibu, la jmedd idejh fuq il-ġid tiegħu, la jagħżel ir-rieda tiegħu flok dik ta’ ħabibu u bl-ebda mod ma jfittex li jabbuża minnu. Aħsbu sew fuq dan, intom li taf tagħrfu!
O SIEĦEB TAT-TRON TIEGĦU!
Tismax ħażen, u tarax ħażen, tbaxxix lilek innifsek, la titniehed u tibki. Titkellimx il-ħażin, biex ma tisimgħux jingħad lilek, u tkabbarx in-nuqqasijiet ta’ l-oħrajn sabiex nuqqasijietek ma jidhrux kbar; u tixtieq l-umiljazzjoni ta’ ħadd biex l-umiljazzjoni tiegħek ma toħroġx fil-beraħ. Għix immela il-jiem ta’ ħajtek, li huma iqsar minn waqt ħfejfi, b’moħħok bla tebgħa, qalb ma mħassra, ħsebijietek safja, u naturtek imqaddsa, biex hekk, ħieles u hieni, tkun tista’ twarrab dan il-qafas mortali, u tmur fil-ġenna mistika u tgħix fis-saltna dejjiema għal dejjem.
JAĦASRA! JAĦASRA! O INTOM LI TĦOBBU L-PJAĊIRI TAD-DINJA!
Sew daqs il-ħeffa ta’ berqa għaddejtu mingħala il-Maħbub, u rbattu qlubkom ma’ stħajjil imxajtan. Intom tilwu rkobbtejkom quddiem stħajjilkom fieragħ, u ssejħulu s-sewwa. Intom iddawru għajnejkom lejn ix-xewka, u ssejħulha fjura. Ma ħadtux nifs wieħed safi, la ż-żiffa tad-dehwa ma fewġet mix-xagħriet ta’ qlubkom. Tfajtu mar-riħ il-pariri maħbuba tal-Maħbub u ħassartuhom għal kollox mit-tavla ta’ qlubkom, u sew bħall-bhejjem tal-għalqa, titħarrku u tgħixu fl-imxatar tax-xewqa u l-ġibda.
O AĦWA FIL-MOGĦDIJA!
Għala ittraskurajtu ssemmu lill-Maħbub, u bqajtu mbiegħda mill-preżenza mqaddsa tiegħU. L-essenza tal-ġmiel tinsab fil-kamp li bħalu m’hemmx, imqiegħed fuq it-tron tal-glorja, waqt li intom tehdew bit-tħaqqiq fieragħ. It-togħmiet ħlejja tal-qdusija qed jitniffsu u nifs il-ġid irejjaħ, b’dankolu intom ilkoll milquta ħażin u mċaħħdin minnu. Jaħasra għalikom u għal dawk li jimxu fi triqatkom u jimxu fuq passejkom!
O ULIED IX-XEWQA!
Warrbu il-libsa tal-frugħa, u neħħu minn fuqkom xedd il-kburija.
Fit-tielet mill-vrus l-aktar qaddisa miktuba u mħażża fit-Tavla Rubina mill-pinna ta’ li ma tidhirx hemm muri dan:
O ĦUTI!
Tintrabtux ma’ xulxin u torbtux qlubkom ma’ ħwejjeġ taħtana. La titkabbrux fil-glorja tagħkom, u la tistħux bl-umiljazzjoni. Kunu il-ġmiel tiegħI! Jiena ħlaqt kollox mit-trab, u fi trab Jien nerġa’ inreġġagħhom.
O ULIED IT-TRAB!
Għidu lill-għonja dwar it-tnehid nofs-lejli tal-foqra, biex in-nuqqas t’għarfien ma jmexxihomx fit-triq tal-qerda, u jċaħħadhom mis-Siġra tal-Għana. Li tagħti u li tkun idejk miftuħa huma egħliem tiegħI; tajjeb ikun għalih dak li jiżżejjen bit-tjibat tiegħI.
O OGĦLA ESSENZA TAL-PASSJONI!
Warrbu kull xewqa imriegħba u fittxu l-kuntentizza; għax ir-rgħib minn dejjem kien imċaħħad, u l-kuntent kien dejjem maħbub u mfaħħar.
O BIN IL-QADDEJJA TIEGĦI!
Tkunx inkewtat fil-faqar la moħħok mistrieħ fil-għana, għax wara l-faqar jiġi l-għana, u wara l-għana jiġi l-faqar. B’dankollu li tkun fqir f’kollox għajr f’Alla huwa don tal-għaġeb, iċċekkinx is-siwi tiegħu, għax fl-aħħar jagħmlek għani f’Alla, u hekk int tkun taf it-tifsira tal-kliem, “Fis-sew intom il-foqra,” u l-kelmiet imqaddsa, “Alla Hu dak li għandu kollox,” fis-sewwa bħalma l-għodwa issebbħu glorjużi imdawla fuq ix-xefaq ta’ qalb il-maħbub, u jgħammru żguri fuq it-tron tal-għana.
O ULIED IT-TRASKURAĠNI U IL-PASSJONI!
Intom ħallejtu lill-għadu tiegħI jidħol ġo darI u keċċejtu lill-ħabib tiegħI, għax intom għożżejtu l-imħabba ta’ ħaddieħor għajrI ġewwa qlubkom. Agħtu widen għal taqwil il-Ħabib u duru lejn il-ġenna tiegħU. Ħbieb tad-dinja, ifittxu il-ġid tagħhom, jidhru li jħobbu wieħed lill-ieħor, waqt li l-Ħabib tassew ħabbkom u jħobbkom għalikom infuskom; tabilħaqq huwa bata biex imexxikom tbatijiet bla għadd. Tonqsux f’għemilkom lil Ħabib bħal dan, le minflok ħaffu għandU. Din hija kewkbet il-jum tal-kelma tas-sewwa u tal-fedelta’, li sebbħet fuq ix-xefaq tal-pinna tas-Sid ta’ l-ismijiet kollha. Iftħu widnejkom ħalli tisimgħu il-kelma t’Alla, l-Għajnuna fis-saram, li jgħix Fih-InnifsU.
O INTOM LI ITIKABBRU BIL-GĦANA LI JINTEMM!
Afu fis-sewwa li l-għana huwa ħajt qawwi bejn il-fittiex u x-xewqa tiegħu, il-maħbub u maħbubtu. L-għonja, għajr għal ftit, bla ebda mod ma jiksbu il-qorti tal-preżenza tiegħU, la jidħlu fil-belt tal-hena u tar-rassenjazzjoni. Ikun tajjeb għalih emmela, li, għani kif hu, ma jinfixkilx mill-għana tiegħu mis-saltna dejjiema, la mċaħħad minnhom minn artijiet li ma jintemmux. F’ġieħ l-Akbar Isem! Id-dawl jgħammex ta’ raġel hekk għani idawwal l-għammara tas-sema, bħalma x-xemx iddawwal bnedmin ta’ l-art!
O INTOM GĦONJA FUQ L-ART!
Il-foqra fostkom huma għal qalbI; ħarsu dak li hu għal qalbI, u la tkunux moħħkom biss fil-ħajja komda tagħkom.
O BIN IL-PASSJONI!
Naddaf ruħek mill-ħmieġ tal-għana u fi sliem sħiħ ersaw fis-saltna tal-faqar; biex min-nixxiegħa illi tħollok tkun tista’ tixrob l-inbid tal-ħajja dejjiema.
O IBNI!
Is-sħubija mal-ħażin iżżid in-niket, waqt li l-hbiberija mat-tajjeb itnaddaf is-sadid mill-qalb. Dak li jfittex li jingħaqad m’Alla, ħallieh jissieheb ma’ dawk li huwa jħobb; u dak li jixtieq jisma’ il-kelma t’Alla, ħallieh jisma’ l-kliem ta’ dawk li Huwa ghażel.
O BIN IT-TRAB!
Attent! Timxix mal-ħażin u tfittixx il-ħbiberija tiegħu, għax ħbiberija hekk tibdel id-dija tal-qalb f’nar infernali.
O BIN IL-QADDEJJA TIEGĦI!
Jekk tfittex trid il-grazzja ta’ l-Ispirtu Mqaddes issieħeb mat-tajjeb, għax hu xorob mill-bieqja tal-ħajja dejjiema mill-idejn immortali ta’ Dak li jġorrha u bħalma l-għodwa tabilħaqq tqajjem u ddawwal qlub il-mejtin.
O INTOM ALJENATI!
Taħsbux li s-sigrieti tal-qlub huma moħbija, le, kunu afu fiż-żgur li b’ittri ċari huma minquxa u murija mberrħa fil-preżenza mqaddsa.
O HBIEB!
Fis-sewwa ngħidilkom, dak kollu illi ħbejtu fi qlubkhom hu għalinA miftuħ u muri daqs il-jum; ‘mma li hu moħbi hi grazzja u ghoġba tagħNa, u mhux għax tistħoqquh intom.
O BIN IL-BNIEDEM!
Qatra nida mill-oċejan bla qiegħ tal-ħniena tiegħI, Jien raxxejt fuq il-ġnus tad-dinja, b’dankollu ma sibt lil hadd illi dar lejha, kif kullħadd ta dahru lill-inbid smewwi li jgħaqqad lejn l-aktar xarba mħammġa tal-ħżunija, u kuntenti bill-bieqja mortali, warrbu il-kalċi tal-ġmiel li ma jintemmx. Ħażin hu dak li b’dan jaf jikkuntenta.
O BIN IT-TRAB!
La ddawwarx għajnejk mill-inbid li bħalu m’hemmx tal-Maħbub immortali, u tiftaħhomx għal xorb ħażin u li jintemm. Ħu mill-idejn tad-Divin li jġorru il-kalċi tal-ħajja li ma tmutx, biex il-għerf kollu ikun tieghek, u biex tkun tista’ tisma’ il-leħen mistiku isejjaħ mis-saltna ta’ l-invisibbli. Għajtu b’lehen għoli, intom ta’ mira baxxa! Il-għala dortu mill-inbid imqaddes u immortali tieghI lejn ilma li jinxef u jgħib?
O INTOM NIES TAD-DINJA!
Afu fis-sewwa li gwaj bla mistenni qed jiġri wrajkom u li ħlas aħrax jistennikom. Taħsbux li l-egħmejjel li wettaqtu tħassru mill-harsa tiegħI. F’gieħ ġmielI! L-egħmejjel kollha taghkom il-pinna tiegħI naqqxithom b’ittri miftuħa fuq it-twavel tal-kriżolit.
O ĦAQQARA FUQ L-ART!
Iġbdu idejkom lura mill-moħqrija, għax Jien wegħedt lilI nnifsI li ma naħfer l-inġustizzja ta’ hadd. Dan huwa il-patt tieghI li jien amart, bla nreġġa’ kelmti lura fit-tavla imħassra u mitluqa bis-siġill tal-glorja tieghI.
O RIBELLI!
Għax Jiena żammejt lura għamiltu l-ħila u s-sabar twil tieghI għamilkom traskurati, hekk li xprunajtu ż-żiemel imhaġġeġ tal-ġibdiet tagħkom f’toroq misruma li jwasslu għall-qerda. ĦsibtunI aljenat jew li ma ntbahtx!
O EMIGRANTI!
L-ilsien li Jien fassalt għat-tlissin tal-Jien, tħammġuhx bil-qlajjiet foloz. Jekk narkom infuskom jagħlibkom, ftakru f’nuqqasijietkom u mhux fin-nuqqasijiet tal-ħlejjaq tiegħI, ladarba kull wieħed minnkom jaf lilu nnifsu aħjar milli jaf lill-oħrajn.
O ULIED L-ISTĦAJJIL!
Afu fis-sewwa, li waqt li s-sebħ middi jfeġġ fuq ix-xefaq tal-qdusija dejjiema, is-sigrieti u l-egħmejjel imxajtna imwettqa fid-dalma tal-lejl jinkixfu u jitberrħu quddiem il-ġnus tad-dinja.
O ĦAXIXA ĦAŻINA LI TINBET MIT-TRAB!
Il-għala dawn l-idejn maħmuġa tieghek ma messux l-ewwel il-libsa tiegħek stess, u għala b’qalbek imhassra mix-xewqa u l-ġibdiet int tfittex li tingħaqad miegħI u tidħol fis-saltna mqaddsa tiegħI? ‘Il bogħod, ‘il boghod tinsabu minn dak illi tixtiequ.
O ULIED ADAM!
Kelmiet qaddisa u egħmejjel safja jitilghu fil-ġenna tal-glorja smewwija. Ħabirku biex l-egħmejjel tagħkom jitnaddfu mit-trab tagħkom infuskom u ta’ l-ipokresija u jsib il-għoġba fil-qorti tal-glorja; għax mhux fil-bogħod imħallfin il-bniedem, fil-preżenza mqaddsa tal-Meqjum, ma jilqghu xejn ghajr l-itjeb tjieba u egħmejjel ta’safa bla tebgħa. Din hi kewbet-il-jum tal-għerf u tal-misteru divin li iddiet fuq ix-xefaq tar-rieda divina. Imberkin dawk li jduru lejha.
O BIN IL-ĦWEJJEĠ DINJIJA!
Ħelwa is-saltna ta’ l-essenza, li kellek int tilħaqha; glorjuża hi l-art ta’ l-eternita’, kieku int tgħaddi lil hinn mid-dinja li tintemm; ħelu l-estasi mqaddes jekk inti tixrob mill-kalċi mistiku minn idejn iż-Żgħożija smewwija. Jekk inti tilħaq din il-qagħda, int tkun meħlus mill-qerda u l-mewt, mit-tbatija u d-dnub.
O ĦBIEB TIEGĦI!
Iftakru dak il-ftehim li għamiltu miegħI fuq il-Għolja Paran, fl-inħawi mqaddsa ta’ Zaman. Ħadt bosta xhieda fil-għoli u lil dawk li jgħammru fil-belt dejjiema, b’dankollu issa ma nsib lil ħadd fidil lejn il-ftehim. Fiż-żgur li l-kburija u r-ribelljoni uħassruh mill-qlub, hekk li ebda ħjiel ma baqa’ tiegħu. B’dankollu kont naf dan, stennejt u ma kxiftux.
O QADDEJ TIEGĦI!
Inti bħal xabla imsinna sewwa moħbija fid-dlam ta’ għantha u s-siwi tagħha moħbi minn għarfien il-ħaddied. Għalhekk oħroġ minn għantek u xtieq li s-siwi tiegħek jiddi u jiġi muri lid-dinja kollha.
O ĦABIB TIEGĦI!
Int kewkbet il-jum ta’ smewwiet qdusitI, tħallix taħsir id-dinja igħajjeb id-dija tiegħek. Ċarrat għal kollox star l-aljienazzjoni, sabiex minn wara s-sħab tkun tista’ toħroġ middi u żżejjen kollox b’ilbies il-ħajja.
O ULIED IL-FRUGĦA!
Għal saltna li tgħaddi intom warrabtu l-art tiegħI li ma tintemmx, u żejjintu rwieħkom bl-ilbies jgħajjat tad-dinja u bih ftaħartu. F’ġieh ġmielI! Jien kollox niġbor għad taħt il-lewn wieħed tat-trab u nħassar dawn l-ilwien kollha għajr dawk li jagħżlu tiegħI, u dik tisfija tkun mill-ilwien kollha.
O ULIED IT-TRASKURAĠNI!
Torbtux qalbkom ma’ saltna li tgħaddi u tifirħux biha. Intom bħal dak l-għasfur li jgħanni bla dehwa fuq il-fergħa; sa f’daqqa waħda il-ħajna Mewt tixħtu fuq it-trab, u l-għanja, is-sura u l-lewn igħibu, bla ma jħallu xi ħjiel. Immela agħtu kas, O lsiera tax-xewqa.
O BIN IL-QADDEJJA TIEGĦI!
It-triq minn dejjem intweriet bil-kliem, issa ser tintwera bl-egħmejjel. Kull wieħed għandu juri egħmejjel li huma safja u qaddisa, għax il-kliem hu ta’ kulħadd, waqt li egħmejjel bħalma dawn huma biss ta’ dawk maħbubin minnA. Stinkaw immela b’qlubkom u ruħkom biex tingħażlu bl-egħmejjel tagħkom. B’da’l-mod il-parir tagħNa dwar l-imqaddsa u l-middija tavla.
O BIN IL-ĦAQQ!
Fl-istaġun lejli il-ġmiel ta’ l-essenza bla tmien telaq mill-għoli jħaddar tal-fedelta’ lejn is-Sadratu’ l-Muntahá, u beka hekk bikja li l-folol fil-għoli u l-għammara tas-saltniet hemm fuq karbu għal kribU. Għal dan staqsew: Il-għala l-krib u l-biki. Wegibhom Hu: Kif mitlub stennejt ħerqan fuq il-għolja tal-fedelta’, b’dankollu ma xammejtx minn dawk li jgħammru fuq l-art il-fwieħa tal-fedelta’. Imbagħad imsejjaħ lura ħarist, u hekku! Xi ħamimiet ta’qdusija kienu għajjenin mejta bejn dwiefer klieb l-art. Għalhekk ix-Xebba tas-sema għaġġlet ‘il barra bla star u middija mid-dejr moħbi tagħHa, u staqsiet isimhom, u ntqalu kollha barra wieħed. U meta mħeġġa, itlissnet l-ewwel ittra minnu, l-għammara tal-kmamar smewwija ħarġu ‘l barra mill-għamra tal-glorja tagħhom. U waqt tlissin it-tieni ittra huma waqgħu, ilkoll kemm kienu, fuq it-trab. F’dak il-waqt instama’ leħen mill-maqdes ġewwieni: “Sa hawn u mhux bogħ’d aktar.” Fis-sewwa ahna xhud ta’ dak li huma għamlu u li issa qegħdin jagħmlu.
O BIN IL-QADDEJJA TEIGĦI!
Ixrob minn ilsien dawk li jħennu in-nixxiegħa tal-misteru divin, u ara minn għajn il-jum tat-taqwil divin id-dija bla mistura ta’ kewkbet il-jum tal-għerf. Iżra’ ż-żerriegħat tal-għerf divin tieghI fil-ħamrija safja tal-qalb, u saqqihom b’ilmijiet taċ-ċertezza, biex il-ġaċinti tal-għarfien u l-għerf ikunu jistgħu jinbtu friski u hodor mill-belt imqaddsa tal-qalb.
O BIN IX-XEWQA!
Kemm se’ ddum togħla f’saltniet ix-xewqa? Jien tajtek il-ġwienaħ, biex int tkun tista’ ttir tlejn is-saltniet mistiċi u mhux lejn artijiet l-isthajjil imxajtan. Il-moxt, ukoll, jien tajtek sabiex tomxotli xuxtI skura, u ma tħanxarlix griżmejjA.
O QADDEJJA TIEGĦI!
Intom is-sigar tal-ġnien tiegħI; għandkom tagħtu frott tajjeb u tal-għaġeb, biex intom u oħrajn jiksbu l-ġid minnu. Għalhekk dmir ta’ kull wieħed li jehda fix-xogħol u fis-snajja’, għax hemm hu s-sigriet tal-għana, O bnedmin li tifhmu! Għax il-ksib jiddependi fuq il-mezzi, u l-grazzja t’Alla tkun biżżejjed għall kollox għalikom. Is-siġar li ma jagħtux frott kienu u jibqgħu dejjem għan-nar.
O QADDEJ TIEGĦI!
L-aktar baxxi mill-bnedmin huma dawk li fuq l-art ma jgħatux frott. Bnedmin hekk huma meqjusa tabilħaqq fost il-mejtin, le aħjar huma l-mejtin f’għajnejn Alla minn dawn l-erwieħ għażżiena u bla siwi.
O QADDEJ TIEGĦI!
L-aħjar bnedmin huma dawk li jaqilgħu ħobżhom skond kif imsejħa u jaħsbu għalihom u għal qrabathom għall-imħabba t’Alla, is-Sid tad-dinjiet kollha.
L-għarusa mistika u tal-għaġeb, moħbija qabel dan taħt star it-taqwil, issa, bil-grazzja t’Alla u l-għaġba divina tiegħU, intweriet bħala dawl middi mxerred mill-ġmiel tal-Maħbub. Jien xhud, O ħbieb! Li l-favur hu sħiħ, l-argument imwettaq, il-prova murija u x-xiehda imsejsa. Ħalli jidher issa it-tħabrik tagħkom fit-triq tal-ħall mill-irbit x’ser juri. B’dan il-mod di’l-għoġba divina ixxerdet għal kollox fuqkom u fuq dawk li jinsabu fis-sema u fuq l-art. Kull tifħir lil Alla, is-Sid tad-dinjiet kollha.